Sunday, August 27, 1995

Ġurnata Kemmuna

Fis-sitta u nofs mort nixtri l-ħobż, u tajthom lil ommi biex tagħmilhomli.

Fis-sebgħa neqsin għaxra kont hemm.

Fil-vann daqqejt tal-Led Zeppelin. Formosa beda jgorr...

Morna Santa Marija u qgħadna hemm.



Blue Lagoon ma morniex minħabba li kien hemm iż-żgħar. Imma ħadna gost xorta.

Lgħabna logħba qisha ta’ l-annimali. Wara ġie Godwin u lgħabna logħba tixbaħha iżda bil-punti. Tgħidx kemm issalvaġġjajna u tajna. Jien waqajt il-baħar fuq il-ġebel b’Godwin fuqi!

Illum sirt naf li omm Pierre marret il-każin u ratu ħiereġ! Huwa qalilha li mar ġirja!

Filgħaxija missieri mar ikellem lill-Qamar.

Diska tal-ġurnata: Roadhouse Blues – The Doors



Saturday, August 26, 1995

Stuart beda jibki

L-O Levels baqgħu ma ġewx! X’nervi!

Rock Files II ta’ llum ma kienx ħażin.

Filgħaxija tlajt sa Wied il-Għajn.

Il-bniet ma tantx kellmuna.

Stuart beda jibki ħafna, għax Moira llum qaltlu li “aħjar nibgħu ħbieb.” Tort tiegħu – kien qed jeħodha bis-serjetà wisq.

Andrea qata’ xagħru u ġie qisu iblah!

Erġajna nfridna llum. L-ewwel kulħadd is-Summer Nights, wara kulħadd l-Osiris, u mbagħad jien, Stuart, Penza u Oliver morna sal-Mintba.

Imbagħad morna s-San Antonio. Daqq Light My Fire u Roadhouse Blues.

Illum pejjipt l-aħħar sigarett Ċiniż li kelli.

Quddies mort tal-ħamsa u nofs, għax għada sejjer Kemmuna.

Diska tal-ġurnata: Roadhouse Blues – The Doors



Friday, August 25, 1995

Ġurnata Għawdex

Fis-sitta neqsin kwart kont ħdejn il-Mużew.

Tlaqna ma’ ta’ l-ewwel.

Morna d-Dwejra u Ħondoq ir-Rummien.



Kilt ħobża sħiħa. Xtrajtha minn hemm.

Id-Dwejra ma nżiltx ngħum. Kien hemm mara neżgħet għarwiena quddiemna!

Duminku tgħidx kemm daħħakni llum! Jiena għedtlu li kultant ikolli ħajra nsir bħal Godwin.

Ir-rużarju għednih quddiem wied.

Laiviera ċempel id-dar biex jara jekk waslux l-O Levels. Ma ġewx. Laiviera qal li hemm xi strajk tal-posta!

Għadni ma nistax nemmen li Tomi Iommi ffirmali u ħadli b’idi darbtejn!

Diska tal-ġurnata: Black Sabbath – Black Sabbath



Thursday, August 24, 1995

Iltqajt ma’ Tony Iommi!

Dalgħodu domt xi siegħa u nofs oħra nistenna lil tal-posta. Wara sirt naf li kien għadda kmieni! Forsi r-riżultati jaslu għada. Suppost dil-ġimgħa għandhom jaslu. SUPPOST!

Ċempilli Penza u qalli li ma kienx ġej għax għandu rasu u siequ juġgħuh. Ċempilt lil J.P.G., imma ma riedx jiġi. Wara ċempilt lil Stuart, u qalli li ser jiġi.

Ġie xi kwarta tard. Wasalna tas-Sliema fl-erbgħa u ħamsa, u fl-erbgħa u kwart konna l-Exotique. Domna ħafna nistennew. Hemmhekk iltqajt ma’ Mauro u ma’ James, dawk li jiġu s-Seminarju.

Il-Black Sabbath waslu fil-ħamsa u kwart. Kif daħal Tony Iommi ħadtlu b’idu mill-ewwel! Kont l-ewwel wieħed! Wara ftit dħalt fil-kju. Ħadtilhom b’idhom kollha, u huma ffirmawli fuq browxer li ħadt minn hemm stess.



Qatt u qatt ma ħsibt li Tony Iommi xi darba ser jiffirmali u jeħodli b’idi darbtejn! Kienet esperjenza tal-ġenn!

Jiena għalih biss mort, imma ladarba Tony Martin, Neil Murray, Bobby Rondinelli u l-ieħor li ma nafx x’jismu kienu qegħdin hemm, ħadtilhom b’idejhom u ħallejthom jiffirmawli xorta waħda.

L-aqwa li Tony Iommi ħadli b’idi darbtejn!

Dil-ġurnata speċjali ma ninsiha qatt!

Wara bqajt sejjer ferħan sal-Mużew.

Diska tal-ġurnata: Black Sabbath – Black Sabbath



Wednesday, August 23, 1995

Xbajt nistenna...

Dalgħodu domt xi siegħa u nofs nistenna lil tal-posta imma ma ġiex. Forsi jiġi għada.

Illum għamilt programm random bil-Queen II, bil-Houses of the Holy, bid-Dark Side of the Moon u b’Machine Head. Il-veru ħadt gost nisimgħu. Daqqli ħamsa wara xulxin mill-Queen II. Tlieta minnhom daqqhom fl-ordni l-proprja.

Filgħaxija rajt biċċa film tan-nejk.

Diska tal-ġurnata: N.I.B. – Black Sabbath



Tuesday, August 22, 1995

Baqa’ ma wasal xejn...

Filgħaxija mort sal-ġnien ta’ Raħal Ġdid m’Oliver, Ignatius, Stuart, Mariette u Lorna.

Pejjipt xi tnejn oħra mis-sigaretti li ġabli Edwin.

Wara mort nara Daqqu d-Disgħa u Nofs. Is-suġġett kien dwar x’sens għandu Alla f’ħajjitna. Alla jbierek kollha jemmnu f’Alla dawn!

Nhar il-Ħadd dawk sejrin il-baħar. Jien ma nistax immur għax sejjer Kemmuna. Nhar il-Ħamis 31 t’Awwissu sejrin l-iSplash & Fun.

Stuart ġabli Queen II u qalli biex nagħtihulu lura meta tibda l-iskola. Jiena tajtu Jazz u dak taż-Zeppelin biex forsi jixtrihom.

Ir-riżultati ta’ l-O Levels aktarx ser jaslu għada.

Missieri qabad jgħajjat miegħi għal xejn. Dana kollu għax għedtlu li r-riżultat nixtieq niftħu jien! U jiena l-iblah noqgħod naqbeż għalih spiss meta ommi taqbad tgorr fuqu!

Diska tal-ġurnata: The Wizard - Black Sabbath



Monday, August 21, 1995

Dak l-Escort għalija!

Qomt f’xi l-ħdax u kwart.

Ir-riżultati baqgħu ma ġewx! Naħseb għada jew l-Erbgħa jaslu.

Wara nofsinhar irqadt.

Ġie ħija. Stephanie llum ma riedet taf b’ħadd. Ma nafx xi ġralha.

Qgħadt infittex il-lajter l-oranġjo, imma ma sibtha mkien. Naħseb li ħallejtha għand Muscat.

Wara l-lezzjoni (tal-Question Box) Godwin kellem lil Formosa u lil Penza, waħidhom. Irnexxieli nisma’ xi ħaġa mill-konverżazzjoni minn barra u minn wara l-bieb. Rani l-Prefett Leslie u mar ixandar kollox, ja liba l’hu!

Pejjipt sigarett minn dawk li tani Edwin. Veru ħfief, iżjed mir-Royals Blu! Xorta jintnu xi ftit.

Filgħaxija rajt Renegade.



Kien sabiħ.

Illum qgħadt naħseb li jekk missieri jixtri karozza ġdida, forsi jiena nkun nista’ nieħu l-Escort. Nibdillu ġewwa u t-tajers, nisprejjah iswed u jkun tiegħi!

Diska tal-ġurnata: I'm In Love With My Car - Queen



Sunday, August 20, 1995

BBQ ma’ tal-Mużew

Dalgħodu qomt għal tat-tmienja.

Qabel il-quddiesa mort inġib il-ħobż lil ommi.

Godwin qalli li ser iħallasli kollox hu fil-BBQ, u allura mort.

Edwin ġabli 11-il sigarett Ċiniż (dawk li kien wegħdni). Lil Penza ser iġiblu xi 5.

Ħadt gost ħafna l-BBQ. Ħadt żewġ ħambergers u nofs hotdog.

Qgħadt naqbad daqsxejn ma’ Godwin.

Wasalt id-dar f’xi l-ħdax u kwart.

Norbert qalli li lbieraħ Godwin keċċa lil Formosa għax ħbielu r-rassenja. U Formosa qal li Norbert kien jaf fejn kienet iżda “ċaħad kollox.”

Diska tal-ġurnata: The Song Remains The Same - Led Zeppelin



Saturday, August 19, 1995

Andrea qalilna oħra minn tiegħu

Ir-riżultati ta’ l-O Levels baqgħu ma ġewx.

Illum beda l-league Ingliż. Il-Liverpool rebħu 1-0 kontra Sheffield Wednesday, u dawk tal-Man Utd tilfu 3-1 kontra l-Aston Villa! Il-Leeds rebħu 1-2 kontra West Ham. Il-Blackburn rebħu lil Q.P.R. 1-0.

Rock File II tal-101 insejtu llum. Kien hemm Charles Marsh bil-lista tiegħu tat-Top 101. Xi tlift qaħbeċ!

Filgħaxija morna sa Wied il-Għajn.

Ta’ l-Osiris ma daħħalnix, għax qalli li għandi xagħri twil u nidher xi Rocker imħarbat!

Iddubbjat xi żewġ sigaretti.

Tas-Summer Nights ġab juke box.

Il-bniet ġew ftit sa ħdejna.

Nhar il-Ħamis sirt naf li Stuart u Moira mhumiex ser jibqgħu joħorġu flimkien għax Moira ddejqet mingħajr ħbieb!

Andrea ġie jgħidilna li jekk nagħtuh nofs miljun lira jħallina nirrejpjawh kollha! Lorna tgħidx kemm daħket meta għednilha biha din. Skantajniha.

Ma kellha għalfejn tiskanta xejn. Jiena kultant naħseb li anke b’nofs lira joqgħod, daqs kemm hu pufta dak!

Diska tal-ġurnata: Good Old-Fashioned Lover Boy – Queen



Friday, August 18, 1995

Lorna qattgħet il-karti m’Andrea!

Fid-disgħa kont ħdejn it-Tip Top.

Kien hemm Muscat biss. Għedtlu li Colette ma kinitx ġejja. Tgħidx kemm għamel buri, u baqa’ jeqred sa xħin wasalna. Ġab pakkett sigaretti u tani nofsu.

Morna Birżebbuġa. Konna jien, Muscat, Oliver Briffa, Vanessa, Lorna, Ignatius u xi kuġin tiegħu. Għal xi l-ħdax u nofs ġiet ukoll Ashley.

Il-bniet qabduha fuq il-period, is-sess u l-masturbazzjoni. Jien għedtilhom li nġerrieh, u qagħdu jidħku bija. U dak Muscat, li kiel ilsienu jgħidli kemm ilu jġerri fuq Colette, kompla magħhom u ma qabiżx naqra għalija! Il-veru jaf ikun tal-liba dak it-tifel kultant.

Imbagħad qabdu jgorru fuq Andrea. Jien mort ngħid lil Muscat li Andrea kien qalli li huwa “jrid jimsaħ żobbu f’Lorna.” Huwa nfaqa’ jidħak, u Lorna ndunat li konna għedna xi ħaġa fuqha. Muscat qalilha x’għedtlu, u tgħidx kemm ħadet għaliha! Kompliet tumbrah iżjed milli kienet! Imma mbagħad bdejna niċċajtaw magħha u kważi għaddielha.

Xtrajna biċċa ballun bejnietna. Ħriġna xi 8ċ kull wieħed. Erġajna lgħabna tal-annimali. F’ħin minnhom ħallejna l-ballun waħdu u għosfor. Jew intilef jew insteraq, ma nafx!

F’xi l-ħamsa tlaqna ’l hemm.

Ommi ratni m’Ashley, u qagħdet tistaqsini ħafna fuqha!

L-O Levels ma ġewx...

Diska tal-ġurnata: Heartbreaker – Led Zeppelin



Thursday, August 17, 1995

Serqulna ’l Ignatius!

L-O Levels baqgħu ma waslux.

Ġie ħija ma’ Stephanie. Spuntatilha xi sinna, u bdiet tigdimli subgħajja!

Ċempilli Ignatius biex jgħidli li sejrin sal-ġnien ta’ Raħal Ġdid. Jiena mort magħhom. Kien hemm Oliver, Lorna u Mariette ukoll. Hemmhekk iltqajt ma’ Miguel. Qalli li sejjer jara l-Black Sabbath.

Kif konna sejrin lura d-dar, waqfet quddiemna karozza ħamra bi tliet ġuvintur rekbin fiha. Ħareġ is-sewwieq u staqsiena: “Min minnkom qagħad iserraħ mal-karozza tiegħi?” Mar fuq Ignatius u qallu: “Int kont!”, u daħħlu miegħu fil-karozza! Qal li kien ser jieħdu l-għassa!

Aħna morna nċemplu ’l ommu. Irrisponda missieru u qalilna li ġej. Imbagħad bqajna sejrin id-dar.

Ftehmna li għada fid-9.00 niltaqgħu kollha ħdejn it-Tip Top biex immorru l-baħar.

Diska tal-ġurnata: Black Dog – Led Zeppelin



Wednesday, August 16, 1995

Ma wasal xejn!

Ir-riżultati ta’ l-O Levels ma waslux. Lanqas ħaqq kemm domt nittawlilha l-letter box!

Illum studjajt daqsxejn. Lestejt il-Merchant of Venice kollu.

Imbagħad daqqejt ħafna l-isterjo.

Diska tal-ġurnata: Whole Lotta Love – Led Zeppelin



Tuesday, August 15, 1995

Ir-riżultati ta’ l-O Levels għandhom jaslu għada

Dalgħodu mort sal-Mużew, għax kien miftuħ minħabba Santa Marija.

Wara mort sal-Każin.

Wara nofsinhar mort il-baħar ma’ tal-Mużew. Morna l-Kalanka, u l-veru ħadt gost.

Edwin għadu ma ġabhomlix dawk is-sigaretti.

Suppost għada għandhom jaslu r-riżultati ta’ l-O Levels!

Diska tal-ġurnata: The Severed Garden – Jim Morrison/The Doors



Monday, August 14, 1995

Ħiereġ ktieb ta’ Jim Morrison

L-ewwel mort sal-Mużew.

Penza tani żewġ sigaretti. Pejjipthom, u magħhom daħħant ukoll dawk it-tnejn li kien tani x-Xadinu.

Wara ħafna ħsibijiet, mort sad-disko taċ-Ċentru. Kien hemm biss il-grupp tagħna u xi għaxra oħra. Jien spiċċajt naqbeż mar-Rave u Muscat beda jiskanta bija.

Muscat mar staqsa lil Colette jekk tridx tirranġa miegħu. Qaltlu li ser tagħtih risposta nhar il-Ġimgħa. Naqta’ rasi li tgħidlu le.

Raissa kellha flokk tal-Guns N’ Roses. Rajtha tbus lin-Nemusu xi darbtejn.

Smajt li lil Jim Morrison ser joħorġulu xi ktieb bil-poeżiji tiegħu.

Diska tal-ġurnata: Love Me Two Times - The Doors



Sunday, August 13, 1995

Mawra sal-Munxar

Dalgħodu mort il-quddiesa tad-disgħa.

Iltqajt ma’ Lorna u sħabha. Qaluli li kienu sejrin Birżebbuġa.

Kif ħriġt mill-quddies bdiet traxxax ix-xita. Imma wara rajt lil Lorna u l-bqija u qaluli li xorta kienu lesti biex imorru jgħumu.

Għal xi 12.00pm ħarġet ix-xemx. Ċempilt lil J.P.G u ftehmna li mmorru l-Munxar.



Jien u Penza xtrajna pakkett sigaretti għalina, imma wara tajt tnejn lil Formosa u tnejn lil J.P.G.

Il-baħar illum ma tantx għoġobni.

Wara bosta majnati, kelli ngħidilhom li dik it-tfajla li togħġobni l-iżjed bħalissa hija Moira!

Diska tal-ġurnata: Speak To Me/Breath – Pink Floyd



Saturday, August 12, 1995

Qam għalija x-Xark!

Illum ċempilt lil tar-Rock File II bl-iskuża li jiena Jesmond Aquilina u li nixtieq inkun naf xi jħobbu jisimgħu l-Maltin. Qalli li ser jibgħatli l-listi wara Settembru! Ma nafx kemm fottejtu!

Il-ġimgħa d-dieħla nċempel lil tar-Rock Moods biex jibgħatli tiegħu. Irrekordjajt dawk ta’ llum.

Filgħaxija ma mortx Wied il-Għajn. Qiegħed browk, u ma kellix aptit.

Minflok mort sal-Mużew.Il-lezzjoni għamilhielna x-Xark. F’ħin minnhom infqajt nidħak u huwa qam għalija – fil-veru sens tal-kelma! U min iżommok bid-daħk man!

Imbagħad mort sal-Każin tal-futbol.

Fredu l-Bamboċċu tani Mars b’xejn u t-tifel tiegħu tani sigarett.

Wara morna nkellmu lil missier Jean-Paul għall-baħar, għal għada.

Se mmorru quddiem San Tumas, fl-għaxra u nofs.

Diska tal-ġurnata: Paranoid – Black Sabbath



Friday, August 11, 1995

Paceville għall-ewwel darba

Dalgħodu mort darbtejn sal-każin imma kien magħluq.

Wara nofsinhar mort sa Paceville għall-ewwel darba. Mort ma’ Stuart, Ignatius, Oliver Briffa, Moira, Mariette Cutajar, Lorna, Clare, Colette u oħra nsejt x’jisimha.



Inqsamna fi tnejn. Jien, Stuart, Moira, Clare u l-oħra morna l-Bowling u l-iSnooker Hall. Fil-bowling ma lgħabtx sew. Ġejt il-ħames minn sitta !

Wara mort sal-każin. Filgħodu kont ċempilt lil Formosa biex imurli għas-CD tal-Black Sabbath. Meta mort il-każin sibtu biha f’idu. Li kieku nsterqet kont nispiċċa nħallas xi Lm5 mill-inqas!

Imbagħad mort sat-Tequila u rbaħt logħba biljard.

Ngħid is-sew, Paceville ma tantx laqatni minn barra. Minn dak li smajt, ħsibtu ferm isbaħ.

Diska tal-ġurnata: Snowblind - Black Sabbath



Thursday, August 10, 1995

Insejt CD ta’ Penza l-każin!

Illum irrekordjajt id-diski li għoġbuni mis-CDs tal-Black Sabbath u ħamsa mill-Houses of the Holy għall-antoloġija tal-Led Zeppelin. Irrekordjajthom mill-album oriġinali biex jiġu iżjed ċari.

Filgħaxija mort il-Mużew bir-Remasters taż-Zeppelin, bil-Volume 4 u bl-Iron Man tas-Sabbath. Lil Godwin tajtu s-CDs tiegħu. Wara mort sal-każin bis-CD tal-Black Sabbath ta’ Penza.

Imbagħad mort nara l-Arsenal kontra l-Inter. Ġew 0-0.

Fil-11.15 ta’ bil-lejl indunajt li kont ħallejt is-CD tal-Black Sabbath il-każin!

Diska tal-ġurnata: Iron Man - Black Sabbath



Wednesday, August 09, 1995

Ġurnata Għawdex

Fil-5.30 am kont il-Mużew. Morna Ta’ Pinu, ix-Xlendi, ir-Rabat u Marsalforn. Ħadna gost u għomna ħafna.



Meta konna x-Xlendi Godwin tela’ jorqod fuq. Jiena, Edwin u Tyron tlajna ħdejh. Għamel tabirruħa rieqed, u qagħad jisma’ kull ma konna qed ngħidu. Għedna ħafna xorti, l-iżjed fuq in-nisa.

Edwin qalli li ser iġibli xi 25 sigarett Ċiniż.

Wasalt id-dar f’xi t-8.30 pm.

Diska tal-ġurnata: Tears of the Dragon – Bruce Dickinson



Tuesday, August 08, 1995

Missieri ser iħallini mmur Paceville, wara nofsinhar!

Filgħaxija mort saċ-Ċentru.

Kien hemm ħafna kwiet.

Audrienne ġabitli s-CD tal-Led Zeppelin.

Oliver Briffa telaq mill-Kumitat, u Fabrizio, in-Nemusu u Calamatta marru għalih. Anke r-Rasti kien ser ikollu xi jgħid ma’ Calamatta u n-Nemusu! Bdew jinku wkoll lil Ashley. Bdew jgħidulha li ommha ma tafdahiex!

Jiena qgħadt nitgħannaq naqra man-Nenè. Qaltli li l-Lenny tgħidx kemm qiegħed jgħir.

Smajt li xħin jien kont il-Mużew, ġew Charlene u Rachel biex jagħmlu paċi ma’ Ellaine, iżda hija ma riditx. Il-veru xtaqt kellimtha ftit lil Rachel. Xi tlift!

Sħabi ftehmu biex nibdew immorru l-Youth Centre ta’ Raħal Ġdid.

Lil Missieri llum staqsejtu jekk iħallinix immur sa Paceville, mill-16.00 sad-21.00. QALLI I-V-A !

Diska tal-ġurnata: War Pigs – Black Sabbath



Monday, August 07, 1995

Għeluq snin Bruce Dickinson

Illum smajt ħafna mużika.

Filgħaxija mort sal-Mużew u kellna l-Vestis.

Għajnejn Godwin kollox sew!

Studjajt xi ftit. Fadalli tliet atti oħra biex nispiċċa l-Merchant of Venice. Imbagħad ikun jonqosni biss l-analiżi tal-karattri.

Illum Bruce Dickinson kellu l-birthday.



Għalaq 37 sena.

Diska tal-ġurnata: Tears of the Dragon – Bruce Dickinson



Sunday, August 06, 1995

Braxt għajn Godwin!

Dalgħodu mort il-quddies tat-tmienja ħdejn il-Qamar. Wara mort inkellem lil Ashley.

Wara nofs in-nhar mort il-baħar ma’ tal-Mużew. Għaddast lil Godwin u braxtlu għajnu!

Godwin tani Volume 4 tal-Black Sabbath.



S’issa xi erba’ diski biss għoġbuni ħafna. Forsi veru ma tantx jgħoddu għalija dawk!

Diska tal-ġurnata: St. Vitus Dance – Black Sabbath



Saturday, August 05, 1995

Missieri tani sal-23.30!

Filgħaxija morna Wied il-Għajn. Missieri llum tani sal-23.30!

Il-bniet ma ġewx magħna għax konna ħafna subien.

Stuart qed joqgħod waħdu ma’ Moira!

Ġie magħna Formosa. Qalli li nhar l-Erbgħa sejrin Għawdex.

Morna xi ftit sa l-Osiris. Kien hemm ħafna nies. Lili talabni l-ID Card. Għedtlu li ma kellix u ma riedx idaħħalni. Imma wara ftit qalli biex nidħol. Żfint xi ftit.

Id-DJ qalli li għandu diski tad-Doors, imma jdoqqhom matul il-ġimgħa biss!

Ferrito qalli li dan l-aħħar sar jisma’ minn kollox!

Sħabi kienu ser imorru ’l hemm, u b’xorti tajba ma tantx domna.

Kellimt ftit lil Martha, u pejjipt tliet sigaretti.

Wara ltqajt ma’ Celia, xrobt xi tlieta birra u kważi skirt.

Diska tal-ġurnata: Highway Star - Deep Purple



Friday, August 04, 1995

Diskursata ma’ Ġanni

Illum morna l-baħar.

Penza ma ġiex għax kellu żaqqu tuġgħu. Lanqas biss ċempel! Meta mort għalih ġiet tkellimni ommu.

Xtrajt pakkett Benson & Hedges u qsamtu ma’ J.P.G. Għandu jagħtini 35ċ.

Bejnietna xtrajna wkoll sitt bottijiet Hopleaf, imma kellna nixorbuhom sħan għax qiegħ il-baħar kien fond wisq.

Lil J.P.G. għedtlu li jien inħobb lil Moira, imma ma riedx jemminni.

Qalilna li ħareġ xi darbtejn fi grupp ma’ waħda Żvediża, u li forsi kienet hi li bidlitu.

Jiena għedtlu li lil Elaine ma tantx għadni naħmilha, l-iżjed minħabba dik il-ġlieda ma’ Rachel.

Għedtlu wkoll li darba rajt lil Charlene tbus lil xi wieħed. Tgħidx kemm għamel f’qalbu!

Filgħaxija mort saċ-Ċentru.

Ftehmna għall-baħar. Ser immorru nhar l-Erbgħa.

Diska tal-ġurnata: Lazy – Deep Purple



Thursday, August 03, 1995

Smajt diska tal-Jethro Tull

Filgħaxija mort sal-Mużew. Reġa’ rebaħ it-tim tiegħi!

Mort s’għamd J.P.G. ħalli niftehmu fuq il-baħar, għal għada.

Penza jrid imur sal-K.T.A.

Rajt dokumentarju fuq ix-xarks.

Sirt naf li Jimi Hendrix miet fl-18 ta’ Settembru 1970, u li ser joħroġ film dwaru jismu Experience Hendrix.

Illum fuq ir-radju smajt diska tal-Jethro Tull.



VERA TAL-ĠENN!

Diska tal-ġurnata: Aqualung - Jethro Tull



Wednesday, August 02, 1995

Ġurnata ġewwa

Illum bqajt ġewwa.

Daqqejt ħafna Rock.

Jesmond sema’ dak is-CD tal-Queen.

Tgħidx kemm għoġbitu!

Diska tal-ġurnata: Modern Times Rock ‘N Roll (live) - Queen



Tuesday, August 01, 1995

Lil Testaferrata mitulu tlett itfal!

Illum mort saċ-Ċentru.

Qaluli li l-baħar għandna mmorru l-ġimgħa d-dieħla.

Il-programm Daqqu d-Disgħa u Nofs ta’ llum kien sabiħ ħafna.

Smajt li lis-Sur Testaferrata mitulu tlett itfal bil-kanċer!

Diska tal-ġurnata: Highway Star – Deep Purple



Monday, July 31, 1995

Smajt id-Deep Purple mal-Panasonic

Kif kont għaddej minn ħdejn it-Tip Top sellimli l-Panasonic. F’idi kelli l-Machine Head, għax kont sejjer nagħtih lil Penza. Il-Panasonic għajjatli u qalli biex nidħol miegħu ġewwa ħalli nisimgħu “naqra Purple.”

Daqq Lazy.

Wara ġew tnejn oħra. Wieħed minnhom jifhem ħafna fil-Purple.

Imbagħad mort il-Mużew. Ftehmna għal Għawdex.

Wara mort id-dar u bdejt indoqq il-Machine Head.



Is-CD qabżet xi darbtejn! Kelli noqgħod innaddafha mill-marki tas-swaba’.

Wara li rajt film ta’ Fantozzi erġajt smajtha kollha.

Did-darba ma qabżitx.

Diska tal-ġurnata: Lazy – Deep Purple



Sunday, July 30, 1995

Smajt il-Queen At The BBC

Illum morna l-Kalanka ma’ tal-Mużew. Ħadt gost ħafna ngħum u naqbeż, u x-xark ma kilnix!

Illum Ta’ Bukki l-kbir tani lura l-Machine Head tad-Deep Purple.

Penza silifli l-Queen At The BBC. Mort id-dar nisimgħu.



Fih studio versions differenti ta’ seba’ diski mill-Queen I u Ogre Battle. Huma speċi ta’ rehearsals fuq il-BBC. Tajjeb ħafna.

Fil-vann lejn id-dar, lil Formosa għajjartu “LIBA” b’leħen jgħajjat. Imn’alla l-Qamar ma semanix!

Diska tal-ġurnata: Doin’ Alright (live)- Queen



Saturday, July 29, 1995

Skiet perfett minħabba Andrea...

Morna Wied il-Għajn. Meta morna ħdejhom madwar mejda s-Summer Nights, kien hemm kwiet kbir!

Morna ftit sax-Sheek, u jien xtrajt birra. Kif ħriġna ma kien hemm ħadd! Ma bdejna nifhmu xejn!

Wara morna sa l-Osiris u sibnihom hemm. J.P.G. beda jiżfen bħas-soltu, imma Silvio beda jħoss is-sħana u tlaqna ’l barra.

Stuart irranġa ma’ Moira!

Imbagħad morna sal-Mintba. Jien u Penza morna niddedikaw id-diska Oh! Carol lil J.P.G. u lil Silvio. Tgħidx kemm inħarqu!

Meta wasalna lura l-Fgura ġie fuqna Stuart. Qalilna li dak il-kwiet kollu kien minħabba Andrea. Allura issa qed naħseb illi dawk telquna minħabba Andrea.

Bqajna li nhar it-Tlieta nerġgħu nifthemu...

Diska tal-ġurnata: Oh! Carol – Neil Sedaka